Pages


Thursday, February 23, 2012

Tarġa l-Isfel

Wara t-telfa minima kontra St. Helen Band Club, kien imiss konfront ferm important kontra Żebbuġin li fih AC Trampi riedu tliet punti biex jersqu vicin it-tieni post tal-klassifika.

Fi grawnd imxarrab wara ġurnata xita ma taqta’ xejn, il-logħba bdiet bħal dik ta’ qabilha b’ Żebbuġin fuq l-offensiva u AC Trampi jilqgħu b’attenzjoni. Fil-5 minuta xutt tajjeb għal Żebbuġin mill-linja xellugija jiġi milqugħ mil-gowler Xuereb. Falzon iwieġeb b’xutt li wkoll jiġi milqugħ mill-gowler avversarju. Fl-10 minuta jasal l-ewwel gowl għal Żebbugin b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa iżda minuta biss wara Trampi jiksbu d-dro b’xutt ta’ Falzon wara kick-in. Sforz forsi nuqqas ta’ konċentrazzjoni ftit sekondi biss wara jasal it-tieni gowl għal-Żebbuġin b’xutt ieħor minn mal-linja. Ir-rejazzjoni ta’ Trampi terġa’ tasal minn Falzon, li jolqot il-lasta, kif ukoll minn Bugeja u Sammut li raw x-xuttijiet tagħhom jiġu blukkati. Żebbuġin resqu viċin ħafna t-tielet gowl pero Xuereb jerġa’ jwettaq save tajjeb. Wara kwarta logħob, frikik mogħti minn Sammut jaħbat mal-barriera. Fl-20 minuta Żebbuġin jagħmluhom 3-1 b’xutt ċentrali minn barra l-kaxxa. Trampi ppruvaw iwettqu rejazzjoni b’diversi xuttijiet mill-bogħod li ġew newtralizzati mid-difiża jew mill-gowler ta’ Żebbuġin. Fl-aħħar battuti tal-ewwel taqsima AC Trampi jkollhom opportunita tajba li jnaqqsu l-marġni tal-iskor hekk kif r-referi ordna penalti wara fawl fuq Wayne Mizzi. Iżda l-penalti mogħti minn Sammut jkun xi ftit ċentrali u jintlaqa’ mill-goalkeeper avversarju li jsalva anke r-rebound. L-aħħar azzjoni tal-logħba tkun frikik ieħor għat-tim ta’ Żebbuġin li jintlaqa’ tajjeb minn Xuereb.


It-tieni taqsima rat lil AC Trampi joħorġu iżjed determinati tant li wara biss minuta logħob Falzon jagħmel l-iskor 3-2 wara li jfajjar xutt sabiħ bil-ponta, iżda minn freekick ftit ħin biss wara, Żebbuġin jiskurjaw ir-raba gowl tagħhom. Wara diversi azzjonijiet qosra u xuttijiet miż-żewġ naħat jasal it-tielet gowl għal-Trampi minn Psaila, b’xutt fis-saqaf tax-xibka li reġa’ fetaħ l-loghba. Iżda ma kellux idum wisq għaliex minn kontrattakk veloċi Żebbuġin għamluhom 5-3 wara 10 minuti logħob. AC Trampi ħarġu iżjed fuq l-offensiva u bdew jirriskjaw aktar. Dan wassal biex iż-żewġ timijiet jinfetħu aktar u l-attakki fuq ż-żewġ naħat bdew ikunu iżjed perikolużi b’diversi ċansijiet foshom l-azzjoni ta’ Spiteri li jfalli minn viċin u l-frikik sussegwenti ta’ Żebbuġin li jmur barra wara li jaħbat mal-barriera. Iżda minn korner jasal il-gowl letali tas-6-3 li difen it-tamiet li Trampi forsi jsalvaw xi ħaġa minn din il-logħba. AC Trampi irrispondew b’xuttijiet ta’ Fiteni u Magri iżda fl-aħħar battuti tal-logħba Żebbuġin jerġgħu jiskurjaw bir-riżultat finali jaqra 7-3 għal Żebbuġin.

L-appuntament li jmiss issa jkun fit-28’ ta’ Frar kontra Gzira United ġewwa l-Għargħur.

No comments: