Pages


Sunday, January 22, 2012

Pass ieħor pożittiv għal AC Trampi


Wara l-wirjiet inkoraġġanti ta’ l-aħħar żewġ logħbiet, AC Trampi riedu jikkonsolidaw din il-mixja pożittiva. Għall-logħba kontra Sporting Gauchos iddebutta l-akkwist il-ġdid, il-goaler Jason Demicoli. Dan l-akkwist kellu jseħħ wara li Wayne Dimech weġġa l-polz waqt it-taħriġ tal-ġimgħa l-oħra filwaqt li Steven Xuereb kien ukoll indisponibbli għal-logħba.  Għaldaqstant it-tim ħass li kellu jirreġistra gaoler ieħor.


Iż-żewġ timijiet affrontaw il-logħba differenti. AC Trampi mill-ewwel ħarġu aggressivi u fl-ewwel minuti diġa kellhom mill-inqas tliet azzjonijiet perikolużi li setgħu waslu għall-goal, b’xuttijiet ta’ Formosa u Falzon li għaddew bi ftit barra. Minn naħa l-oħra Sporting Gauchos qagħdu jistennew fit-taqsima tagħhom u meta bdew isibu ċ-ċans bdew joħorġu bil-kontrattakk. Fis-6 minuta Formosa u Psaila krejaw waħda mill-isbaħ azzjonijiet tal-logħba fejn minn fuq il-linja tal-xellug Formosa krossja fuq in-naħa l-oħra fejn Psaila daħal bir-ras u kien biss sfurtanat li l-ballun ma spiċċax fil-lasta. AC Trampi krejaw diversi azzjonijiet oħra imma ma kienux biżżejjed deċisivi. It-tattika ta’ Sporting Gauchos bil-mod il-mod bdiet tħalli l-frott.  Fit-13-il minuta kellu jkun intervent propizju ta’ Formosa li rnexxielu jantiċipa lill-plejer avversarju wara li dan kien qabeż lill-gowler Demicoli, li jċaħħad ‘l-Gauchos mill-gowl. Biss fl-20 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, l-ex-plejer ta’ AC Trampi, Joseph Mifsud jpoġġi ‘l Gauchos fil-vantaġġ wara azzjoni personali.


It-tieni taqsima kienet ħafna simili għall-ewwel waħda. AC Trampi komplew iżidu l-pressjoni biex iġibu l-gowl tad-dro u għal diversi minuti l-logħba spiċċat f’konfront bejn il-plejers ta’ AC Trampi u l-gowler ta’ Sporting Gauchos. Il-pressjoni bdiet tiżdied fuq AC Trampi u din bdiet tnaqqas xi ftit il-luċidita tal-plejers. Fit-12-il minuta xutt ta’ Falzon jispiċċa mal-lasta. Il-gowl tad-dro iżda jasal fis-17-il minuta permezz ta’ Sammut wara pass tajjeb ta’ Falzon. Dan il-gowl mmotiva ferm lit-tim u żewġ minuti wara Bugeja rnexxielu jqabbeż il-ballun minn fuq il-gowler jitfa’ ‘l AC Trampi fil-vantaġġ.  Save tajjeb ta’ Demicoli fl-aħħar battuti tal-partita kkonferma t-tielet rebħa għal Trampi fl-aħħar tliet logħbiet.