Wara t-telfa minima kontra St. Helen Band Club, kien imiss konfront
ferm important kontra Żebbuġin li fih AC Trampi riedu tliet punti biex
jersqu vicin it-tieni post tal-klassifika.
Fi grawnd
imxarrab wara ġurnata xita ma taqta’ xejn, il-logħba bdiet bħal dik ta’
qabilha b’ Żebbuġin fuq l-offensiva u AC Trampi jilqgħu b’attenzjoni.
Fil-5 minuta xutt tajjeb għal Żebbuġin mill-linja xellugija jiġi milqugħ
mil-gowler Xuereb. Falzon iwieġeb b’xutt li wkoll jiġi milqugħ
mill-gowler avversarju. Fl-10 minuta jasal l-ewwel gowl għal Żebbugin
b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa iżda minuta biss wara Trampi jiksbu
d-dro b’xutt ta’ Falzon wara kick-in. Sforz forsi nuqqas ta’
konċentrazzjoni ftit sekondi biss wara jasal it-tieni gowl għal-Żebbuġin
b’xutt ieħor minn mal-linja. Ir-rejazzjoni ta’ Trampi terġa’ tasal minn
Falzon, li jolqot il-lasta, kif ukoll minn Bugeja u Sammut li raw
x-xuttijiet tagħhom jiġu blukkati. Żebbuġin resqu viċin ħafna t-tielet
gowl pero Xuereb jerġa’ jwettaq save tajjeb. Wara kwarta logħob, frikik
mogħti minn Sammut jaħbat mal-barriera. Fl-20 minuta Żebbuġin jagħmluhom
3-1 b’xutt ċentrali minn barra l-kaxxa. Trampi ppruvaw iwettqu
rejazzjoni b’diversi xuttijiet mill-bogħod li ġew newtralizzati
mid-difiża jew mill-gowler ta’ Żebbuġin. Fl-aħħar battuti tal-ewwel
taqsima AC Trampi jkollhom opportunita tajba li jnaqqsu l-marġni
tal-iskor hekk kif r-referi ordna penalti wara fawl fuq Wayne Mizzi.
Iżda l-penalti mogħti minn Sammut jkun xi ftit ċentrali u jintlaqa’
mill-goalkeeper avversarju li jsalva anke r-rebound. L-aħħar azzjoni
tal-logħba tkun frikik ieħor għat-tim ta’ Żebbuġin li jintlaqa’ tajjeb
minn Xuereb.
It-tieni
taqsima rat lil AC Trampi joħorġu iżjed determinati tant li wara biss
minuta logħob Falzon jagħmel l-iskor 3-2 wara li jfajjar xutt sabiħ
bil-ponta, iżda minn freekick ftit ħin biss wara, Żebbuġin jiskurjaw
ir-raba gowl tagħhom. Wara diversi azzjonijiet qosra u xuttijiet
miż-żewġ naħat jasal it-tielet gowl għal-Trampi minn Psaila, b’xutt
fis-saqaf tax-xibka li reġa’ fetaħ l-loghba. Iżda ma kellux idum wisq
għaliex minn kontrattakk veloċi Żebbuġin għamluhom 5-3 wara 10 minuti
logħob. AC Trampi ħarġu iżjed fuq l-offensiva u bdew jirriskjaw aktar.
Dan wassal biex iż-żewġ timijiet jinfetħu aktar u l-attakki fuq ż-żewġ
naħat bdew ikunu iżjed perikolużi b’diversi ċansijiet foshom l-azzjoni
ta’ Spiteri li jfalli minn viċin u l-frikik sussegwenti ta’ Żebbuġin li
jmur barra wara li jaħbat mal-barriera. Iżda minn korner jasal il-gowl
letali tas-6-3 li difen it-tamiet li Trampi forsi jsalvaw xi ħaġa minn
din il-logħba. AC Trampi irrispondew b’xuttijiet ta’ Fiteni u Magri iżda
fl-aħħar battuti tal-logħba Żebbuġin jerġgħu jiskurjaw bir-riżultat
finali jaqra 7-3 għal Żebbuġin.
L-appuntament li jmiss issa jkun fit-28’ ta’ Frar kontra Gzira United ġewwa l-Għargħur.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment